​Jirriżenja d-Direttur tal-EASO wara allegat fastidju fuq haddiema

Id-Direttur Eżekuttiv tal-aġenzija ewlenija tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar tal-immigrazzjoni, (EASO) José Carreira rriżenja wara akkużi ta’ fastidju u l-użu tal-vjolenza psikoloġika fuq il-ħaddiema.

Ilbieraħ l-EASO, li hija bbażata f’Malta, qalet fi stqarrija li minfloku ġie appuntat Aġent Direttur Eżekuttiv. “Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord Amministrattiv tal-EASO, li huwa l-korp governattiv tal-Aġenzija, illum biex nirilaxxaw lid-Direttur Eżekuttiv, is-Sur José Carreira, mill-irwol tiegħu b’effett immedjat, wara r-riżenja tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.”
Carreira dejjem ċaħad li għamel xi ħaga ħażina.
L-EASO għandha rwol ċentrali għall-isfida tal-immigrazzjoni, u tipprovdi assistenza teknika u operattiva lil pajjiżi li jaraw ħafna immigranti deħlin, fosthom l-Italja u l-Greċja.
Ritratt: EASO