Jirriżenja d-Deputat PM Slovakk

Aktar kmieni llum, rriżenja l-Ministru tal-Intern Slovakk Robert Kaliňák hekk kif il-kriżi politika fis-Slovakkja qed tkompli tintensifika wara l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak.
Kuciak, il-ġurnalist ta’ 27 sena kien jaħdem mal-Aktuality.sk fuq każi ta’ frodi, li ħafna drabi kienu jinvolvi negozjanti b’rabtiet mal-partit fil-Gvern u politiċi oħra.
Partit żgħir fil-koalizzjoni tal-Prim Ministru Robert Fico talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern li huwa wkoll id-deputat Prim Ministru tas-Slovakkja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Kaliňák qal li qed jirriżenja għal aktar stabbiltà politika fil-pajjiż. Dwar il-kap tal-Pulizija Slovakk, Kaliňák qal li ma kellux ħsieb li jneħħih għax qal li huwa “l-aqwa wieħed li kellha s-Slovakkja, speċjalment għar-riżultati miksuba”.
Il-ġimgħa li għaddiet irriżenja l-Ministru għall-Kultura Marek Maďarič u qal li għamel dan għax qal li ma jridx jaffaċċja l-assassinju ta’ ġurnalist waqt il-mandat tiegħu bħala Ministru.
Fil-jiem ta’ wara rriżenja wkoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Slovakk Roman Šipoš.