​Jirriżenja ċ-Chief of Staff tal-PM Slovakk

Skont is-sit tar-RAI, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Slovakk Roman Šipoš irriżenja wkoll wara li l-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak ġie assassinat, aktarx minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu.
Newsbook.com.mt ivverifika din l-aħbar indipendentament.
Din ir-riżenja qed issir wara r-riżenja tal-Ministru għall-Kultura Slovakk.
Ir-Rai rraporta wkoll li s-seba’ Taljani li ġew arrestati wara l-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak ġew meħlusin mill-arrest.
Kuciak inqatel flimkien mas-sieħba tiegħu l-Ħadd li għadda. Huwa kien qed jikteb artiklu dwar il-korruzzjoni, artiklu li ma laħaqx ippublikah qabel ma ġie assassinat.
Skont il-Pulizija, is-suspettati nħelsu mill-arrest peress li ma kienx hemm evidenza kontrihom.
Il-funeral tal-ġurnalist assassinat sar aktar kmieni llum.
Skont l-AFP, eluf ta’ persuni nġabru lbieraħ fi protesti kontra l-korruzzjoni. Ġie rrappurtat li l-Prim Ministru Slovakk qed jakkuża lill-oppożizzjoni li qed tuża’ l-assassinju bħala għodda biex torganizza l-protesti u biex tikseb aktar poter.
Il-Ministru Slovakk għall-Intern qal fuq Facebook li l-Pulizija Taljana, il-Europol, l-FBI, u Scotland Yard offrew l-għajnuna tagħhom lill-Pulizija Slovakka.
Għada, il-Prim Ministru tas-Slovakkja u l-President mistennija jagħmlu xi diskorsi.