Jirriżenja ċ-Ċermen tax-xandir pubbliku fl-Awstralja

Iċ-Ċermen tax-xandir pubbliku fl-Awstralja rriżenja wara allegazzjonijiet li waqa’ għall-pressjoni tal-Gvern billi keċċa ġurnalista stabbilita mis-servizz pubbliku.

Justin Milne, iċ-ċermen tal-Australian Broadcasting Corporation (ABC), qal li se jirriżenja wara li qam furur mill-ħaddiema, l-unjins tal-ħaddiema u anki mill-politiċi.

Milne qal lil ABC li l-għan tiegħu kien dak li jara l-interessi tal-korporazzjoni.

Ir-riżenja ta’ Milne ġiet wara ġranet mit-tkeċċija ta’ Michelle Guthrie li kienet taħdem bħala direttriċi. Il-korporazzjoni qalet li kienet imkeċċija minħabba l-istil ta’ tmexxija li kienet tadotta.

Fl-Awstralja, ix-xandir pubbliku huwa ffinanzjat mill-Gvern iżda jiffunzjona indipendenti mill-Gvern.

Iżda f’imejls li ġew leaked, Milne jgħid li l-finanzjament jista’ jiġi pperikolat jekk l-ABC ma tneħħix lill-ġurnalista li kienet urtat lill-Gvern permezz tar-rappurtaġġ li għamlet dwar il-politika tat-taxxa korporattiva.