Jirritorna r-Road Running League ta’ Malta

Atletika
Ritratt: Wally Galea

Ir-Road Running League ta’ Malta se jirritorna x-xahar li ġej b’erba’ tlielaq eċitanti li se jieħdu lill-aqwa atleti Maltin kif ukoll bosta dilettanti tal-ġiri f’erba’ lokalitajiet differenti ta’ pajjiżna.

Il-Kampjonat, organizzat minn Athletics Malta, se jikkonsisti f’żewġ tlielaq fuq id-distanza ta’ 5 kilometri u tnejn oħra fuq dik ta’ 10 kilometri fil-bidu tas-sena l-ġdida.

L-ewwel tellieqa se tkun fl-14 ta’ Novembru, f’rotta ġdida u eċitanti fil-kampanja, preċiżament fl-Aħrax tal-Mellieħa, bl-atleti mbagħad jerħula fid-direzzjoni opposta għat-tieni tellieqa, fir-rotta tal-Maqluba fit-12 ta’ Diċembru.

Is-Sena l-Ġdida se tkun tfisser distanza doppja għall-atleti, b’10k f’Ta’ Qali fl-10 ta’ Jannar. Il-kompetizzjoni se tilħaq il-qofol tagħha fil-31 ta’ Jannar, bl-atleti jiltaqgħu fil-gżira ta’ Għawdex għall-aħħar tiġrija ta’ 10k f’San Lawrenz.

Charlton Debono (Evolve Endurance Club) u Lisa Marie Bezzina (Pembroke Athleta) fil-kategoriji individwali u Evolve Endurance Club (irġiel) and St. Patrick’s (nisa) fost it-timijiet se jkunu qed jiddefendu t-titli mirbuħa l-istaġun li għadda fil-kuntest ta’ ammont dejjem akbar ta’ atleti li tejbu l-livell tagħhom u li se jkunu qed ifittxu li jħallu impatt fuq l-edizzjoni ta’ din is-sena.

Athletics Malta se tkun qed tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex tiżgura li l-avvenimenti jsiru b’mod sigur għal kull min hu involut u se tkun qed issegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa skont kif ikunu applikabbli fil-mument ta’ tellieqa speċifika. Dan jista’ jinkludi l-ħtieġa li l-atleti jibdew it-tellieqa f’ħinijiet ftit differenti, biex ikun żgurat distanzjament soċjali. L-atleti se jkunu mistennija, sakemm dan jibqa’ jintalab mill-awtoritajiet lokali, li jilbsu l-maskri l-ħin kollu sa qabel il-bidu tat-tlielaq u immedjatament wara.

Il-Kampjonat Nazjonali tal-Ġiri 2020-2021 hu appoġjat minn Eurosport u Agius Watches.

MALTA ROAD RUNNING LEAGUE 2020-2021

PROGRAMM

TellieqaDistanzaDataPost
Tellieqa 15km14 ta’ Novembru 2020L-Aħrax tal-Mellieħa
Tellieqa 25km12 ta’ Diċembru 2020Maqluba
Tellieqa 310km10 ta’ Jannar 2021Ta’ Qali
Tellieqa 410km31 ta’ Jannar 2021San Lawrenz – Gozo

Dan it-tagħrif twassal minn Athletics Malta.