Jirritorna l-festival tas-Sajf fl-Università għal sena oħra

Din is-sena l-innovattiv se jitħallat mat-tradizzjonali u dak popolar waqt l-Evenings on Campus  fl-Università ta’ Malta.
Il-festival, li wasal fil-25 edizzjoni tiegħu, se jsir bejn il-Ħadd 23 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu u se jinkludi firxa ta’ mużika, żfin, teatru u xjenza fl-arti
Fi stqarrija l-Università qalet li Tricia Dawn Williams se tniedi kunċert fejn it-tastiera bajda u sewda tal-pjanu tiġi estiża lejn pajsaġġi mlewna tal-mużika elettronika. 
F’serata ddedikata għal-lingwa Maltija, l-attur Joseph Galea se jinterpreta stejjer mhux ippubblikati ta’ Trevor Zahra, filwaqt li Corazon tgħaqqadhom mal-kant tagħha. 
Waqt il-festival udjenzi ta’ età żgħira jistgħu jiddevertu b’‘Shakeshorts’, miktub u ppreżentat fi stil umoristiku li jwassal lit-tfal biex jieħdu gost bil-kitbiet ta’ Shakespeare.
Kelliema mistiedna minn Malta Café Sci se jitkellmu dwar il-kompetenzi varji tagħhom u l-metodi li jintużaw fil-konservazzjoni ta’ materjali differenti u xogħlijiet tal-arti, filwaqt li l-Kumpanija taż-Żfin Alegria flimkien ma’ Tikka Banda se jippreżentaw ‘Tikka Alegria’, produzzjoni esperimentali li tgħaqqad iż-żfin tal-Flamenco ma’ marċi tal-banda tradizzjonali Maltin.
Din is-sena, Evenings on Campus qed jintroduċi biljett għall-familja kollha u block ticket individwali bi prezz imnaqqas.  Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn hawnhekk jew mill-bieb.
Il-postijiet huma kollha aċċessibbli għal min juża s-siġġu tar-roti.
Il-parkeġġ huwa bla ħlas fil-parkeġġi tal-Università ta’ Malta.