Jirritorna fuq it-TV wara 33 sena. Għaraftu?

Gorg Cortis

Ilu nieqes minn fuq it-televiżjoni għal kważi 33 sena u ma ndumux ma nerġgħu narawh permezz tas-sensiela Nostalġija li se jibda jixxandar fuq TVM mit-Tnejn 29 ta’ Marzu. Jekk ma għaraftuhx ngħidulkom li dan hu l-attur Ġorġ Cortis li l-aħħar li deher kien fis-sensiela Aħn’Aħna Jew M’Aħniex.

Ġorġ Cortis beda l-karriera tiegħu fuq il-palk meta kellu 13-il sena u beda mal-kumpanija Dun Mikiel Xerri ta’ Ħaż-Żebbuġ. Wara ħadem ukoll fl-Istitut Kattoliku u l-Manoel u ħadem ukoll mal-MTADA kif ukoll f’diversi teatri tal-irħula. Is-sehem tiegħu fuq il-palk wasslu wkoll biex jirbaħ l-unur tal-Aqwa Attur f’konkors li kien sar fl-Imġarr.

Ahn-Ahna-Jeww-Mahneix
Ġorġ Cortis u Dominic Said f’Aħn’Aħna Jew M’Aħniex

Ġorġ Cortis illum hu penzjonant u issa li għandu aktar ħin fud idejh stqarr ma’ Newsbook.com.mt li xtaq jagħmel xi ħaġa li kien iħobb u għaldaqstant meta kellmuh għal din is-sensiela, anke jekk mhux xi parti kbira ħafna, aċċetta mill-ewwel.

Ġorġ mhuwiex l-unika attur fil-familja. Ħuh il-kbir huwa Joe Cortis, wiċċ magħruf sew f’diversi sensiliet tad-drama li nħadmu f’dawn l-aħħar snin fuq it-televiżjoni lokali.

Is-sensiela Nostalġija għandha kitba ta’ Ronald Saliba b’direzzjoni ta’ Charles Stroud u se tikkonsisti f’35 puntata. Fiha se jkunu qed jaħdmu numru kbir ta’ atturi magħrufa bħal Ronald Saliba, Joe Farrugia d-Dulli, Narcy Calamatta, Ray Bone, Guido Fenech, Monica Attard, Simon Curmi, Paul Caruana, Vivienne Caruana, Simone Zammit, Tania Bartolo,  Carmel Gauci, Shelby Aquilina, Carmen Vella Fondacaro, Hermann Bonaci, Michael Sciortino, Joe Borg, Josephine Mahoney, Frida Cauchi, John Dimech, Joe Quattromani, Michela Galea, Sarah Camilleri, Noel Chircop, Joe Gatt, Michael Tabone, Ninette Micallef, u Mark Schembri fost ħafna aktar.

Merħba lura Ġorġ!

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn