Aġġornata: Mill-kantina jsib saqaf fuq rasu mas-sorijiet

Ir-raġel ta' 60 sena li kien jgħix f'kantina fil-Belt Valletta issa għandu saqaf fuq rasu, hekk kif intlaqa' mis-sorijiet tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun. 
Fi stqarrija, il-Gvern qal li r-raġel kien irrifjuta li jidħol f’night shelter fil-Mellieħa, wara li qatta’ lejl fih fil-jiem li għaddew.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li r-raġel irrifjuta, għax seta' joqgħod hemmhekk filgħaxija u bil-lejl biss, u minħabba li juża siġġu tar-roti, kellu diffikultà. 
Infurmati wkoll li l-uffiċċju tal-President bagħtet żewġ social workers biex jiġbruh u jeħduh għand is-sorijiet.
Dalgħodu, il-Ministeru għall-Familja qal li nhar l-Erbgħa li għadda, ir-raġel mar il-Ministeru jitlob għall-kenn, u spjega li kien ilu barra għal numru ta’ sigħat.
Il-Ministeru, semma r-raġel b’ismu, u qal affarijiet personali dwar iċ-ċirkostanzi tar-raġel, li Newsbook.com.mt għażel li ma jirrappurtax.
Spjega kif minnufih għamel l-arranġamenti meħtieġa biex jintbagħat f’residenza fil-Mellieħa biex iqatta’ l-lejl hemmhekk, u li f’inqas minn siegħa, bagħatlu taxi biex twasslu l-Mellieħa.
Skont il-Ministeru, l-għada filgħodu, marret tkellmu social worker u bdew il-proċeduri biex ir-raġel jidħol fir-residenza, iżda “baqa’ jinsisti li ma jridx, tant li ffirma wkoll biex jitlaq mill-home bill-volontà tiegħu”.
Il-Gvern ippubblika wkoll id-dikjarazzjoni tar-raġel li turi dan.
L-istqarrija tal-Gvern kienet qed twieġeb intervista li saret mar-raġel fuq Net News, li wrew filmati fejn qed jgħix ir-raġel, f’kantina taħt l-art fil-Belt Valletta, li tatu ħabiba tiegħu, “qalb il-ħmieġ, l-intiena u l-umdità”.  Madanakollu l-Gvern qal li r-raġel irrifjuta x-xelter u għażel li jgħix barra.
Ġie rrappurtat ukoll li r-raġel spiċċa bla dar madwar ġimgħa ilu, għandu diżabilità u huwa dipendenti min-nies, fost l-oħrajn biex ikun jista’ jaqdi l-bżonnijiet tiegħu u jinħasel.
Ir-raġel hu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali u l-ammont li jirċievi mhux biżżejjed għal kirja ta’ post diċenti.
Min-naħa tiegħu, fl-istqarrija, il-Gvern wiegħed li se jkompli jagħmel l-almu tiegħu, biex jindirizza problemi ta’ housing kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul.
Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministeru għall-Familja u anke lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, dwar fuq liema kriterji ġew ippubblikati d-dettalji tar-raġel. 
Ritratt: Arkivji