Aġġornata:”Bniedem validissimu; tal-mistħija” – Sammut dwar ir-reżenja tat-Teżorier tal-PN

Fl-aħħar ħin rreżenja t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri. Dan ħabbru permezz ta’ kitba fuq Facebook. Camilleri spjega ruħu filwaqt li sostna li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara s-Sibt meta ttieħed il-vot li bih Jean Pierre Debono ġab żewġ voti iktar minn Kevin Cutajar u għalhekk kien se jieħu post David Stellini. Iktar tard matul il-jum tat-Tnejn, Debono ħabbar f’ittra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra.

AQRA: Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Camilleri sejjaħ ukoll biex jerġa’ jittieħed il-vot biex b’hekk ikun hemm iktar trasparenza fil-proċess. Huwa ddikjara lealtà assoluta lejn Delia kif ukoll lejn il-Partit Nazzjonalista filwaqt li wera li huwa jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Partit.

Camilleri kien isservi bħala teżorier b’mod volontarju.

“Bniedem validissimu mġiegħel jerfa’ r-responsabbiltà ta’ ħaddieħor” 

Intant, sigħat wara l-aħbar tar-reżenja ta’ Camilleri, Mark Anthony Sammut, l-eks President tal-Kumitat tal-PN li rreżenja nhar is-Sibt li għadda, qal li David Camilleri ma kellux responsabbiltà fil-lista tal-votanti fl-Eżekuttiv u lanqas għad-diżastru fir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali.

Filmat: “Nappella lil min għandu responsabbiltà akbar biex jagħmel bħali”; Sammut jirreżenja 

Temm jgħid li “għal darb’oħra, bniedem validissimu qed jiġi mġiegħel jerfa’ r-responsabbiltà ta’ ħaddieħor.” Ikkonkluda li din hi sitwazzjoni “tal-biki.”

David Camilleri la kellu r-responsabbilità tal-lista tal-votanti fl-Eżekuttiv u lanqas parti mir-responsabbilità…

Posted by Mark Anthony Sammut on Monday, June 3, 2019

 

Ir-raġunijiet ta’ Camilleri

Fost il-punti li huwa elenka, Camilleri qal li huwa kien elett bħala Rappreżentat Distrettwali tal-11-il distrett u li meta kkontesta għall-kariga ta’ Teżorier huwa kien għadu Rappreżentat Distrettwali. Huwa spjega li meta reġa’ kien hemm l-elezzjonijiet għar-Rappreżentat Distrettwali huwa ma kienx reġa’ tefa’ n-nomina tiegħu minħabba l-kariga fil-Partit.

AQRA: It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Camilleri kien wieħed mill-persuni li allegatament ivvota meta dan ma setax jagħmel dan, meta ttieħed vot fuq min għandu jieħu post David Stellini fil-Parlament. B’referenza għall-klawsola dwar il-vot tat-Teżorier u saħaq li l-interpretazzjoni li ngħata peress li kien elett fil-kariga tiegħu meta kien għadu Rappreżentat Distrettwali huwa baqa’ bil-vot, ladarba ma ġiex minn barra l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Sostna li kemm Jean Pierre Debono u Kevin Cutajar kellhom il-lista tal-votanti għal-laqgħa tas-Sibt.

AQRA: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Camilleri sostna li fil-punti li elenka jidher li ħadd ma rrealizza li la Stellini u lanqas hu ma setgħu jivvutaw jew inkella tħallew jivvutaw biex umbgħad jinqala’ dan kollu wara l-votazzjoni.

Fil-konklużjoni tal-kitba tiegħu, Camilleri rringrazzja lil kull min ta donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista speċjalment fl-aħħar sentejn, lill-ħaddiema u l-voluntiera, lill-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, lil Pierre Portelli, lil Adrian Delia kif ukoll lil-familja tiegħu.

Kjarifika dwar il-fatti li ġraw fil-ġranet li għaddew, l-opinjoni tiegħi, u l-passi li jmiss. • Madwar 6 snin ilu,…

Posted by David Camilleri on Monday, June 3, 2019