Aġġornata: Jirreżenja Ministru wara assassinju ta’ ġurnalist

Il-Ministru għall-Kultura tal-Islovakja, Marek Madaric, illum irreżenja mill-pożizzjoni tiegħu wara l-assassinju tal-ġurnalist Jan Kuciak.
Madaric għamel dan għax qal li ma jridx jaffaċċja l-assassinju ta’ ġurnalist waqt il-mandat tiegħu bħala Ministru.
Kuciak, il-ġurnalist ta’ 27 sena kien jaħdem mal-Aktuality.sk fuq każi ta’ frodi, li ħafna drabi kienu jinvolvi negozjanti b’rabtiet mal-partit fil-Gvern u politiċi oħra.
Il-ġurnalist u t-tfajla tiegħu nstabu mejta fl-appartament tagħhom il-Ħadd li għadda.
Minuta silenzju fil-Parlament Ewropew
Sadanittant, illum fil-Parlament Ewropew ġiet osservata minuta ta' silenzju f'ġieħ Kuciak.
Il-President tal-PE, Antonio Tajani, sostna li bħala Ewroparlamentari għandhom id-dmir li jkomplu dil-ġlieda favur il-verità.
Tal-mistħija li ħadd ma refa' resposabbilità politika għall-qtil ta’ Daphne – Casa
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li hija ħaġa tal-mistħija li f’Malta ħadd ma ħa responsabbilità politika għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dwar is-sitwazzjoni fl-Islovakkja Casa qal li din għandha tiġi evalwata mill-qrib. Żied jgħid li r-riżenja tal-Ministru Madaric tindika is-serjetà tas-sitwazzjoni u li l-politika responsabbilità għandha tintrefa’. Skont Casa, l-assassinju ta’ ġurnalist f’dawn iċ-ċirkostanzi jfisser li l-Gvern li jkun fil-poter ikun falla.
Ritratt: Topky