Jirreżenja Maurice Mizzi wara kummenti razzisti

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ambjent ħabbar li l-Ministru José Herrera aċċetta r-reżenja ta’ Maurice Mizzi mill-pożizzjoni tiegħu bħala Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri.

Herrera rringrazzja u faħħar lil Mizzi, li ilu jokkupa l-kariga tiegħu għal sentejn u nnota l-informazzjoni valida li ta fuq numru ta’ suġġetti relatati mal-iżvilupp sostenibbli.

Din ir-riżenja ġiet propju ftit ġimgħat ‘il bogħod minn kontroversja li qamet wara “kumment razzist” mill-istess Mizzi. Grupp ta’ NGOs kienu ngħaqdu flimkien fi kritika kontra kumment minn Mizzi. L-organizzazzjonijiet qalu li Mizzi donnu nesa r-responsabbiltà li għandu fir-rwol li ġie mogħti lilu xi snin ilu. Huma sostnew li l-punt essenzjali biex ikun hemm żvilupp fil-ġenerazzjonijiet futuri hija l-paċi.

Aqra: Herrera jitlob laqgħa urġenti ma’ Mizzi dwar “kummenti razzisti”

Huma tennew li mhux minnu li xi twemmin reliġjuż partikolari jista’ jitqies bħala ostaklu għall-iżvilupp tal-pajjiż. Insistew li dan id-diskors iġib il-mibegħda, xi ħaġa li diġà tinsab preżenti fil-pajjiż u jridu jassiguraw li ma tkomplix tiżdied.

Propju wara dan, il-Ministru Herrera kien talab għal laqgħa urġenti ma’ Mizzi, filwaqt li l-Ministeru ddiżassoċja ruħu minn dawn il-kummenti.

Aqra: ‘Il-kummenti ta’ Mizzi huma razzisti’ – NGOs

L-għaqdiet kienu talbu għar-riżenja b’mod immedjat ta’ Mizzi jew biex il-Prim Ministru jneħħih mill-kariga tiegħu.