Jirreżenja l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte

Reuters

Read in English.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar ir-riżenja tiegħu llum filwaqt li tkellem kontra l-Ministru għall-Intern Matteo Salvini u akkużah li għerreq lill-koalizzjoni fil-poter u pperikola l-ekonomija għall-gwadann personali u politiku tiegħu.

Aqra: Conte jhedded mill-ġdid li se jirreżenja jekk ma jintlaħaqx kompromess dwar il-budget

Conte kien qed jindirizza lill-Parlament wara li ssejħet laqgħa fil-btajjel tas-sajf biex jiġi deċiż il-futur tal-Gvern li ilu fil-poter inqas minn sena. Huwa akkuża lill-Kap tal-Partit tal-Lega Nord Salvini li jrid jagħmel il-flus mill-fama li qed jikseb. Qal li d-deċiżjonijiet li jieħu Salvini għandhom riskji serji għall-pajjiż.

Aqra: Il-Prim Ministru Taljan jakkuża lil Salvini bħala ‘żleali’

Waqt li kien qed jitkellem Conte, Salvini kien bilqiegħda ħdejh u beda jxengel rasu, jaqleb għajnejh u jagħmel is-sinjali lis-senaturi tal-partit tiegħu. Fuq in-naħa l-oħra kien hemm bilqiegħda Luigi Di Maio, il-Kap tal-partit l-ieħor fil-koalizzjoni, Movimento 5 Stelle. 12-il jum ilu, Salvini temm l-alleanza bejn iż-żewġ partiti.

Aqra: Il-Gvern Taljan f’xifer ta’ kollass; Salvini jsejjaħ għal elezzjoni ġenerali

Conte, li ma jagħmilx parti miż-żewġ partiti fil-koalizzjoni, hu mistenni jagħti r-riżenja tiegħu iktar tard illum. Imbagħad il-President Sergio Mattarella jkun irid jibda konsultazzjonijiet formali mal-partiti biex jara tistax tinħoloq koalizzjoni oħra. Jekk dan ma jirnexxix, Mattarella jxolji l-Parlament.

Salvini talab elezzjonijiet bikrija peress li hu kunfidenti li l-popolarità tiegħu se ġġiegħlu jikseb ħafna voti u jsir Prim Ministru.