Jirreżenja l-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Kummissarju tal-Pulizija rriżenja b'effett immedjat minħabba saħħtu.
Fi stqarrija ppubblikata tard l-Erbgħa filgħaxija, il-Gvern qal li Michael Cassar informa lill-Prim Ministru li se jkun qed jirreżenja b’effett immedjat minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Il-Prim Ministru rringrazzjah tas-servizz li ta tul is-snin fil-Korp tal-Pulizija u b’dispjaċir kellu jaċċetta din ir-riżenja.
L-Assistent Kummissarju Lawrence Cutajar inħatar immedjatament Aġent Kummissarju tal-Pulizija.
“Fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu l-ħames Kummissarju tal-Pulizija”
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-kriżi li jinsab fiha l-Korp tal-Pulizija, b’rekord ta’ ħames Kummissarji tal-Pulizija fi tliet snin, hija r-riżultat tal-politika żbaljata ta’ Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista qal li mal-ħatra tiegħu, Joseph Muscat dgħajjef totalment l-istituzzjonijiet indipendenti ta’ pajjiżna, billi “ħatafhom” b’indħil politiku kontinwu.
Tenna li l-Korp tal-Pulizija tant spiċċa f’sitwazzjoni dgħajfa li baqa’ ma fetaħx investigazzjoni fuq il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti biex jinbidel il-mod ta’ kif jinħatru l-Kummissarji tal-Pulizija. B’hekk tiġi addottata l-proposta tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, jiġifieri li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.