Jirreżenja l-Kap Eżekuttiv tal-FTS

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada Mario Gafà rreżenja skont il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Fi stqarrija l-Ministeru qal li Gafà kien irreżenja fil-15 ta’ Frar. Filwaqt li fl-ittra Gafà qal li l-aħħar ġurnata tiegħu bħala Kap Eżekuttiv se tkun fil-15 ta’ Marzu.

Il bieraħ is-sit Net News qal li Gafà kien tkeċċa b’mod immedjat mill-kariga tiegħu. Skont Net News Gafà intalab li ma jagħmilx kuntatt mal-impjegati tal-Fondazzjoni minn dakinhar stess u li ma jidħol fl-ebda forma ta’ operat.

Newsbook.com.mt ilbieraħ bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru bil-miktub kif intalab mill-kelliema għall-Ministeru iżda dawn baqgħu mhux imwieġba sa 24 siegħa wara.

Mal-istqarrija l-Ministeru ppubblika l-ittra tar-riżenja. Il-Ministeru saħaq li taħt it-tmexxija ta’ Gafà kienet inbniet skola ġdida tal-primarja f’Wied il-Għajn li ġiet inawgurata l-Erbgħa li għadda filwaqt li ta kontribut fil-progress tal-labortarji tal-VET madwar Malta u Għawdex, fost affarijiet oħra. Il-Ministeru rringrazzja lil Gafà ta’ xogħlu.

Fl-ittra tar-riżenja Gafà saħaq li matul dawn il-ħmistax-il xahar li ilu jmexxi l-Fondazzjoni kien hemm diversi miri li ntlaħqu. Fost l-affarijiet li semma, huwa rrefera għax-xogħol ta’ manutenzjoni li sar fuq diversi skejjel u li kien tlesta kif ukoll xogħol li sar fuq l-grawnds tal-futbol li saru iktar siguri.

Huwa saħaq li wara 15-il xahar qed iħoss li l-enerġija li kellu fil-bidu bdiet tonqos, u għalhekk se jirreżenja għall-aħjar tal-Fondazzjoni tal-Gvern. Sostna li b’hekk se jkun qed jagħti l-opportunità lill-oħrajn li jieħdu l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni.

Huwa temm l-ittra tiegħu ddatata 15 ta’ Frar li ma jeskludx li jaħdem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni jew ma xi entità oħra fejn il-kariga tkun titlob inqas minnu.

Gafà kien inħatar Kap Eżekuttiv f’Ottubru tal-2017.