Jirreżenja d-Direttur Artistiku tal-Orkestra Nazzjonali

Aġġornat 07:27 PM

Read in English.

Id-Direttur Artistiku tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta rreżenja filwaqt li ċ-Ċerpersin tal-Orkestra qal li kien appik li jitkeċċa.

Il-Ministru għall-Arti José Herrera qal lil Newsbook.com.mt li se jkun qed jitkellem maċ-Ċerpersin Sigmund Mifsud dwar is-sitwazzjoni. Qal ukoll li talab lid-Direttur Raoul Lay biex imur ikellmu. Herrera spjega li se jkun qed jivverifika l-allegazzjonijiet li saru mal-amministrazzjoni u mal-Bord tal-MPO.

Iċ-Ċerpersin tal-MPO Sigmund Mifsud qal lil Newsbook.com.mt li ġimgħa ilu l-Bord tal-MPO ddiskuta lid-Direttur Raoul Lay. Kien hemm qbil li dan ma kienx qed jagħmel xogħlu sew. Ittieħdet deċiżjoni li jintemm il-perjodu ta’ probation ta’ Lay. Mifsud qal li ċempel lil Lay u dam siegħa jispjegalu x’kienet is-sitwazzjoni.

Fi kliem Mifsud, Lay talab liċ-Ċerpersin jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu. Mifsud talbu jibgħatlu ittra bil-miktub biex ikun jista’ jiddiskuti dak li qal Lay mal-Bord. Mifsud qal li minflok ma rċieva din l-ittra, irċieva ittra ta’ reżenja mingħand Lay.

Min-naħa tiegħu, Lay qal lil Newsbook.com.mt li fil-ġimgħat li għaddew għamel diversi tentattivi biex jitkellem ma’ Mifsud dwar is-sitwazzjoni u d-diffikultajiet li kien qed jaffaċċja. Lay qal li Mifsud fl-aħħar ċempillu l-Ħamis li għadda u ma ħalliehx jgħid dak li kellu jgħid. Lay żied jgħid li Mifsud beda jqajjem tħassib dwar ix-xogħol artistiku tiegħu.

Lay qasam l-ittra tar-reżenja tiegħu ma’ Newsbook.com.mt. Fiha seba’ paġni (ara isfel).

Fl-ittra indirizzata lil Mifsud u lill-Bord tal-MPO, Lay allega li diversi klawżoli fil-kuntratt tiegħu ma ġewx rispettati. Qal li talab Mifsud diversi drabi biex jitranġaw il-problemi li kienu qed itelfulu mis-serenità tegħu biex ikun jista’ jagħmel xogħlu.

Fost l-affarijiet li ma kinux qed isiru kif suppost Lay semma li kellu jiġi kkunsultat mal-impjieg tal-ħaddiema tal-MPO. Skont l-ittra ta’ Lay, il-pariri tiegħu dwar il-mużiċisti li ma kinux tajbin biżżejjed qatt ma ngħataw attenzjoni.

Lay qal li ċertu mużiċisti tal-orkestra qatt ma jistgħu jilħqu livell ta’ orchestra internazzjonali. Qal li jaħdem bħala kunduttur fl-Arġentina, fiċ-Ċina, fi Franza, fl-Olanda, fil-Belġju, fl-Italja, fil-Kanada, u fi Spanja.

Lay allega wkoll li inizjalment ġie eskluż mill-ippjanar tal-kalendarju tal-MPO, apparti mill-ħames kunċerti fis-sena tiegħu.

Fl-ittra kiteb ukoll li Sigmund Mifsud rari jwieġeb it-telefonati tiegħu u li jagħmel appuntamenti li jispiċċa ma jmurx għalihom.

Lay ġie appuntat bħala Direttur Artistiku fl-2019. L-ewwel avveniment tiegħu f’din il-kariga kienet f’Ottubru tal-2019.

Fl-2017: L-MPO tkeċċi lid-Direttur Artistiku

Fl-2017, is-surmast Brian Schembri qal li l-bord tal-Orkestra Nazzjonali qabel b’mod unanimu li għandu jitneħħa minn direttur artistiku u direttur mużikali tal-istess orkestra,
Schembri ddeskriva din bħala deċiżjoni assurdja, umiljanti, mhux ġusta, abbużiva u saħansitra illegali. Dak iż-żmien Sigmund Mifsud kien iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-Orkestra.

Tista’ taqra l-ittra ta’ Lay minn hawn: