Jirreżenja ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN

Facebook - Gejtu Vella

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Gejtu Vella rreżenja mill-kariga tiegħu.

Fl-ittra datata lbieraħ 21 ta’ Lulju li tagħha Newsbook.com.mt għandu kopja, Vella jgħid lis-Segretarju Ġenerali tal-PN li wasal għal din id-deċiżjoni wara ġranet ta’ riflessjoni.

Vella qal lis-Segretarju Francis Zammit Dimech li jkun fl-aħjar interess tal-PN li b’mod immedjat jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala Chairperson tal-Kummussjoni Elettorali, Data u Rekords. Qal li nħatar f’din il-kariga ftit tal-ġranet ilu.

Gejtu Vella temm l-ittra billi rringrazzja lil Zammit Dimech tal-fiduċja tiegħu.

Ebda argument jaħraq bejn Delia u Vella – PN

Wara li diversi kmamar tal-aħbarijiet ħarġu l-aħbar tar-reżenja ta’ Vella, il-PN ħareġ stqarrija biex jiċħad aspetti rapport minnhom.

Il-PN qal li jiċħad bl-aktar mod kategoriku l-istorja ta’ LovinMalta li s-Sur Gejtu Vella kellu ‘argument jaħraq mal-Kap tal-PN Adrian Delia f’telefonata bejniethom’, liema ‘argument jaħraq’ kien il-kaġun ‘tar-rżzenja tas-Sur Vella minn din il-Kummissjoni’.

Intant il-MaltaToday qalet li Delia u Vella kellhom xi jgħidu bejniethom.

“Mhux veru li Adrian Delia u Gejtu Vella kellhom xi jgħidu. L-istorja li tgħid hekk hija gidba assoluta,” qal il-PN.

Il-partit imbagħad erħiela jattakka l-midja.

“Din hi kalunja min-naħa ta’ Lovin Malta f’sensiela ta’ stejjer foloz intiżi biss biex jippruvaw ipoġġu lil Adrian Delia u lil Partit Nazzjonalista f’dawl ikrah,” qal il-PN. Il-partit temm jgħid li din l-isqarrija qed tintbagħat lil Lovin Malta b’talba biex tixxandar bħala dritt għar-risposta, fl-intier tagħha, b’mod immedjat. Il-PN talab biex tiġi rtirata “l-istorja gidba ta’ Lovin Malta.”

Il-PN qal li dan skont dak li jipprovdu l-Att dwar l-Istampa u l-ħtiġijiet taħt l-Att dwar ix-Xandir.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llum laqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali sabiex jiddiskutu dak li ġara issa li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ilbieraħ allegatament ipprova jweġġa’ lilu nnifsu serjament u issa jinstab l-isptar għall-kura. Wara madwar 40 minuta, għadd ta’ Membri Parlamentari bdew ħerġin mil-laqgħa għax riedu li jiddiskutu biss il-kriżi fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel ma jiddiskutu suġġetti oħrajn.