Jirrekuża ruħu mħallef ieħor fil-każ tal-appelli Vitals

Read in English.

Imħallef ieħor irrekuża ruħu milli jisma’ l-appelli li ssottomettew tliet ministri li ma jridux jiġu investigati b’rabta mal-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Vitals Global Healthcare.

L-Imħallef Aaron Bugeja kien l-aħħar imħallef li rrekuża ruħu milli jisma’ l-każ. Astjena minħabba każ li fetħet l-għaqda Repubblika b’rabta mal-aħħar ħatriet fil-ġudikatura.

Qablu rrekużat ruħha l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Din qalet li ma jkunx xieraq li tisma’ l-appelli għax ħuha huwa kollega tagħhom. Ħuha hu l-Ministru Jose Herrera.

Issa se tkun l-Imħallef Edwina Grima li tisma’ l-appelli tat-tliet ministri.

F’Ottubru, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ddeċidiet li ma ssirx Inkjesta Maġisterjali fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet tal-Gvern lil Vitals Global Healthcare. Dan wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet aċċettat it-talba.

Bejgħ sptarijiet: Mhux se tinfetaħ inkjesta

Wara dan, Repubblika reġgħet għamlet talba ġdida għal inkjesta, liema talba ġiet milqugħa. Però, it-tliet ministri reġgħu appellaw.