Jirrealizzaw il-ħolma ta’ 67 tifel u tifla

Il-ħolma ta’ 67 tifel u tifla saret realtà wara l-“Bake Sale” annwali organizzata minn Team Air Malta – l-Isport u Social Club tal-linja tal-ajru.
“Din is-sena nġabru €1,415 u dawn kienu biżżejjed sabiex jinxtraw ir-rigali mixtieqa minn dawn it-tfal kollha u jagħmluhom kuntenti,” qalet Vanessa Muscat minn Team Air Malta.
“Aħna tassew kuntenti li permezz ta’ dawn l-attivitajiet nistgħu nagħmlu differenza u nixtieq nirringrazzja lill-impjegati kollha tal-Air Malta li kkontribwixxew biex din l-attività tkun suċċess”.
Il-“Bake Sale” hija attività annwali organizzata mill-klabb flimkien ma’ bosta impjegati tal-Air Malta li jagħmlu kejkiet u pasti d-dar tagħhom b’mod volontarju u mbagħad ibigħuhom lill-kollegi tagħhom. Numru ta’ entitajiet ipparteċipaw f’din l-inizjattiva, fosthom The Sweet Almond – Cakes & Bakes, LaNovita Caterers, Catrice Malta, Fat Harrys Pub, James Caterers Ltd u YUE Bistro By Munchies.
Iċ-Children’s Dreams huwa proġett organizzat f’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Appoġġ. Din hija t-tielet sena li l-Air Malta appoġġjat din il-kawża nobbli.
Il-proġett għandu l-għan li jgħin lill-ġenituri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet soċjali varji jirrealizzaw il-ħolm tat-tfal tagħhom.
Għal aktar informazzjoni dwar din il-kawża, jekk jogħġbok żur http://www.childrendreams.org.