Jirrakkontaw dak li għadda minnu Roderick Grech qabel ma’ miet

Żagħżugħ minn Birkirkara qal fil-Qorti tal-Maġistrati kif Roderick Grech, il-vittma fil-qtil li seħħ f’Birkirkara beda jgħid ripetutament il-kelma “Vojt” ftit qabel miet.
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra raġel ta’ 36 sena minn Birkirkara, diversi persuni rrakkontaw l-aħħar nifsijiet tal-ħajja ta’ Grech.
Grech kien instab mal-art f’Birkirkara fid-29 ta’ Marzu li għadda u miet jumejn wara fl-Isptar Mater Dei kawża tal-ġrieħi li sofra b’daqqiet ta’ sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iż-żagħżugħ, fix-xhieda tiegħu qal li għall-ħabta tas-1am kien miexi lura d-dar u ra żagħżugħ jixxengel fit-triq Tumas Fenech.
Spjega li hekk kif induna li ż-żagħżugħ ma kien ħadd ħlief Roderick Grech mar jiġri biex jgħinu.
Qal li Grech qallu jċempel l-ambalanza u beda jirrepeti l-kliem “tani daqqa ta’ sikkina. Il-Vojt, il-Vojt”.
Żied jgħid li kif waslu l-pulizija u l-ambulanza, ras il-vittma ċediet f’daqqa.
Xhud ieħor kien raġel minn Birżebbuġa li kien għaddej minn Triq Tumas Fenech. Fix-xhieda tiegħu qal li kien innota karozza skura bid-dawl mixgħul wieqfa f’nofs ta’ triq. Spjega li ra raġel jgħin persuna mixħuta mal-art.
Ir-raġel qal li dak il-ħin qabad borża tal-karti li kellu fil-karozza u beda jagħfasha fuq sider il-vittma biex jipprova jikkontrolla d-demm. Żied jgħid li l-vittma kellu qatgħa fuq idu.
Xhieda oħra kienet ta’ pulizija mara li toqgħod fl-inħawi. Spjegat li semgħet ħoss ta’ tverżieq ta’ tyres u ħorn li baqa’ jdoqq.
Qalet li meta ttawlet barra rat raġel jiġri lejn il-knisja jżomm żaqqu u jgħajjat għajjut.
Żiedet tgħid li huwa daħal fi blokka appartamenti u reġa’ ħareġ ftit tal-ħin wara fejn imbagħad waqfet persuna biex tgħinu.