Jirrakkonta x’sema’ fil-lejl tal-qtil ta’ Sylvester Farrugia

Żagħżugħ mill-Marsa xehed fil-Qorti kif matul il-lejl li fih inqatel Sylvester Farrugia  sema’ erba’ tiri u karozza taħrab minn fuq il-post.
Waqt ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni taż-żagħżugħ ta’ 27 sena li jinsab
mixli bil-qtil ta’ Farrugia, spjega li waqt id-delitt huwa kien fis-salott li jiġi fuq in-naħa ta’ barra tad-dar.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, iż-żagħżugħ qal li l-ewwel sema żewġ tiri, li ħasibhom bombi tal-festa, imbagħad tnejn oħra u karozza tirrejżja.
Huwa qal li l-għada filgħodu sab diversi frak ta’ ħġieġ fuq il-banikina u fit-triq.
Fil-Qorti nstemgħet ukoll ix-xhieda ta’ Kuntistabbli fejn qalet li fl-għodwa li nstab il-katavru, fi Triq Simpson il-Marsa kienet sejra xogħol fl-Għassa tal-Marsa.
Spjegat li xħin waslet rat katavru mal-art u niżlet tara x’ġara.
Qalet li rat ġuvni mal-art wiċċu ‘l fuq bid-demm ma’ imnieħru, ma’ ħalqu u wara dahru.
Żiedet tgħid li fil-karozza kien hemm papoċċa bħal dik li kien liebes il-vittma li nstab b’żarbuna waħda.
Spjegat ukoll li meta waslet l-ambulanza u ċċekkjaw il-polz ta’ Sylvester Farrugia ndunaw li kien mejjet.