Jirbħu kompetizzjoni ta’ investimenti fi stocks u ishma

Saint Martin’s Institute of Higher Education, istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja liċenzjata mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u Istituzzjoni Affiljata mal-Università ta’ Londra, ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel Kompetizzjoni ‘Make Your Money Stocks and Shares Portfolio’ għall-2017.
Il-Bank of Valletta appoġġja dan l-avveniment li kien jikkonsisti f’sessjoni ta’ ħidma ta’ nofstanhar, segwita minn xahrejn li matulhom il-parteċipanti fil-kompetizzjoni ġew assenjati s-somma virtwali ta’ $100,000 biex jinvestuha fuq il-Borża ta’ New York. Il-portafoll rebbieħ bl-aqwa prestazzjoni fil-kategorija taż-żgħar għal persuni taħt l-20 sena kien ta’ Odin Mamo Haraldson li rnexxielu jżid il-valur tal-portafoll tiegħu għal ftit biss taħt il-$ 130,000, filwaqt li l-kategorija ġenerali ntrebħet minn Aaron Gusman li l-portafoll tiegħu laħaq il-livell ta’ $118,000.
L-uffiċjal ewlieni responsabbli għas-Servizzi ta’ Investiment fil-Bank of Valletta, Romeo Cutajar ippreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa taż-żewġ kategoriji. Qal li, “Din kienet inizjattiva tajba ħafna, li tlaqqa’ flimkien l-isfond teoretiku mal-ambjent ta’ simulazzjoni prattika. Is-swieq jafu jkunu bla ħniena, għalhekk il-ħiliet analitiċi huma essenzjali bħala bażi ta’ strateġija mfassla tajjeb.”