Jirbħu ċ-Cisk Export Premium Lager u l-Blue Label Ale

Iċ-Cisk Export Premium Lager u l-Blue Label Ale, żewġ prodotti ta’ Simonds Farsons Cisk plc, għadhom kemm rebħu premju fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Brussels Beer Challenge.
Ir-raba’ edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni globali ttellgħet mill-5 sat-8 ta’ Novembru f’Elzenveld, Antwerp. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem aktar minn 1,100 birra minn 30 pajjiż u matul dawn il-jiem inġabru 75 espert internazzjonali biex jiġġudikaw b’mod professjonali u oġġettiv il-birer sottomessi.
Il-ġurija daqet il-birer differenti u kkategorizzathom skont l-oriġini, karatteristiċi speċifiċi u l-istil.
Il-Brussels Beer Challenge hija kompetizzjoni globali tal-birra li ssir il-Belġju u toffri opportunità unika għall-produtturi tal-birra madwar id-dinja biex jikkompetu mal-aqwa birrara internazzjonali. Il-kompetizzjoni tnediet bl-inizjattiva ta’ Brusselicious bħala parti mis-Sena Gastronomika (Gourmet Food Year) li ttellgħet fi Brussell fl-2012, u hi meqjusa bħala punt ta’ referenza għal dawk kollha li jħobbu u li huma esperti fil-birra.
F’din il-kompetizzjoni, iċ-Cisk Export Premium Lager ġiet ippremjata bil-Bronż fil-kategorija Lager: German-Style Pilsner u l-Blue Label Ale kisbet ċertifikat ta’ eċċellenza fil-kategorija Pale & Amber Ale: Amber.
Iż-żewġ birer kienu f’taqtigħa mal-aqwa birer mill-Istati Uniti, l-Italja, il-Ġermanja u Franza u ma’ birer oħrajn minn pajjiżi aktar eżotiċi bħaċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun u l-Kambodja.