Jirbaħ min jippersisti: Franza 4-2 Kroazja

Franza ħarġu rebbieħa fil-Luzhniki Stadium sabiex rebħu t-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba wara li Didier Deschamps għolla t-trofew bħala plejer fl-1998.

Les Bleus fetħu l-iskor b’mod fortunat hekk kif devjazzjoni ta’ Mario Mandzukic wara freekick ta’ Antoine Griezmann għelbet lill-goalkeeper Kroat. Il-Kroazja kienu l-aħjar tim fl-ewwel 45 minuta u rnexxilhom jiksbu d-draw b’xutt meraviljuż bix-xellug ta’ Ivan Perisic fit-28 minuta. Madanakollu Franza kellhom pjanijiet oħra u għamlu l-iskor 2-1 meta Griezmann skurja minn penalty meta l-ewwel taqsima bdiet toqrob lejn it-tmiem.

Il-wirja ta’ Franza tjiebet hekk kif il-logħba kompliet u l-midfielder Paul Pogba kiseb it-tielet gowl għal Les Bleus wara li Subasic falla milli jilqa’ x-xutt tal-plejer Franċiż. It-talent żagħżugħ Mbappe kompla jkabbar il-vantaġġ b’gowl ieħor fil-65 minuta biex ftit minuti wara żball ta’ Hugo Lloris ta tama lill-Kroati meta kien fadal inqas min-nofs siegħa logħob.

Il-Kroazja ppruvaw isibu mezz kif jegħlbu lid-difiża Franċiża iżda t-tim ta’ Deschamps żamm sod sabiex rebaħ finali tat-Tazza tad-Dinja mill-isbaħ fejn ġew skurjati 6 gowls. Il-ħolma tal-Kroazja li tirbaħ l-ewwel Tazza tad-Dinja tagħha ġġarfet iżda t-tim se jmur lura lejn pajjiżu b’memorji sbieħ tal-miġja tiegħu sal-finali.

Miġjub lilek minn Hublot