Jirbaħ €23,300 f’kawża kontra kumpanija tal-assigurazzjoni

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lil kumpanija tal-assigurazzjoni biex tħallas €23,300 lill-klijent tagħha. Dan wara li l-kumpanija naqset milli tipprova li t-talba tal-klijent kienet każ ta’ frodi.
Anthony Baldacchino fetaħ kawża kontra Gasan Mamo Insurance, meta l-cabin cruiser tiegħu li jġib l-isem ta’ Sunseeker, insteraq f’Novembru tas-sena 2000 mill-marina ta’ Ta’ Xbiex.
15-il sena ilu, Baldacchino għamel rapport mal-Pulizija wara li mar il-marina u ma sabx id-dgħajsa f’postha.
Ir-raġel fetaħ kawża l-Qorti kontra l-kumpanija wara li ma tagħtux kumpens, mingħajr ma ngħata raġuni valida.
Fil-Qorti nstema’ kif il-kumpanija tal-assigurazzjoni qalet lir-raġel li qabel ma tħallsu se tistenna r-rapport tal-Pulizija. Madanakollu, jumejn wara, ir-raġel spiċċa arrestat u interrogat mill-Pulizija dwar l-għajbien tad-dgħajsa.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef qal li l-kumpanija ma kellha l-ebda provi li jikkonfermaw il-frodi u ordnalha tħallas lir-raġel.