Jippruvaw jużaw ħwejjiġhom biex l-ilma ma jidħolx fid-dgħajsa

Madwar 150 persuna li ħarbu mil-Libja sabu ruħhom f’diffikultà hekk kif il-magna tad-dgħajsa li jinsabu fuqha waqfet taħdem filwaqt li beda dieħel l-ilma fid-dgħajsa. L-għaqda Alarmphone ħabbret fuq Twitter għall-ħabta tal-11.15am li kien hemm dgħajsa bl-immigranti li tinsab f’diffikultà. Alarmphone qalet li jidher li hemm toqba fid-dgħajsa li bl-immigranti jipprovaw jużaw ħwejjiġhom biex iwaqqfu l-ilma milli jibqa’ dieħel fid-dgħajsa.

Iċ-ċentru tat-tfittxija u salvataġġ ta’ Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-każ ta’ dgħajsa b’150 persuna abbord jinsab f’idejn l-awtoritajiet Libjani.

Il-kelliem għaċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta qal li l-awtoritajiet Taljani kienu infurmaw lil dawk Maltin għall-ħabta tan-nofsinhar li kien hemm numru ta’ immigranti li sabu ruħhom f’diffikultà. Huwa żied jgħid li l-każ huwa ta’ kompetenza tal-awtoritajiet Libjani.

Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt maċ-Ċentru tat-Tfittxija u Salvataġġ fil-Libja iżda dawn baqgħu ma rrispondewx.

Kemm l-awtoritajiet Maltin kif ukoll dawk Taljani ma setgħu jipprovdu lil Newsbook.com.mt b’iktar dettalji dwar il-każ.