Jippruvaw jisirqu anzjana; tiġġildilhom

Żewġ persuni nżammu taħt l-arrest wara li ġew akkużati li ppruvaw jisirqu mara ta’ 80 sena b’mod vjolenti. Ma rnexxielhomx peress li hi ġġilditilhom.

Raġel ta’ 27 sena u mara ta’ 33 sena, minn Bormla, ġew akkużati b’attentat ta’ serq fil-Fgura. Fil-11 ta’ Settembru fl-4.15pm, fi Triq Hompesh, huma rispettivament ġew akkużati li użaw il-vjolenza. Minn naħa tagħha, l-anzjana rreżistiet l-attakk.

Il-mara ġiet akkużata li weġġgħet lill-anzjana b’mod ħafif. Minn naħa l-oħra, ir-raġel ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, u li hu riċediv.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bl-avukat tagħhom jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ċaħdet it-talba tagħhom, peress li l-anzjana għadha ma tatx ix-xhieda tagħha. Barra minn hekk, qalet li r-raġel diġà kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.