Jipprova joqtol raġel f’pastizzerija; jinżamm taħt arrest

Raġel li qed jiġi akkużat li pprova joqtol raġel ieħor f’pastizzerija f’Ħal Luqa baqa’ jinżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti llum.

Ir-raġel ta’ 44 sena qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil wara li darab lir-raġel l-ieħor f’għonqu, li kien fil-pussess ta’ arma taqta’ u bil-ponta, li għamel użu minnha u li kiser il-paċi pubblika. Hu ġie akkużat ukoll li seraq €400 mill-allegat vittma.

Il-każ seħħ it-Tnejn li għadda fil-11am fi Triq id-Disgħa ta’ April. Ir-raġel kien ħarab minn fuq il-post meta ra l-Pulizija ġejjin għalih. Aktar tard hu ġie arrestat mill-Pulizija f’daru. Intant il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ħareġ li kien qed isofri minn ġrieħi serji.

L-avukati tad-difiża ma talbux għall-ħelsien mill-arrest. Intant il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo talbet li r-raġel jinżamm taħt arrest, filwaqt li rrakkomandat li r-raġel jittieħed lura lejn l-Isptar Monte Karmeli.