Kważi qatel lil martu għax mar id-dar u ma sabx l-ikel

Raġel tressaq il-Qorti akkużat li sawwat lil martu u li faqgħalha l-milsa, jumejn wara li attakkaha għax ma ppreparatx l-ikel għax kienet ma tiflaħx.
L-akkużat, li għandu 32 sena, wieġeb mhux ħati li pprova joqtol lil martu. Minkejja dan hu ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u qed jinżamm arrestat.
Ir-raġel kien akkużat ukoll li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, debilitazzjoni permanenti u sfiguralha wiċċha, għonqha u jdejha.
Dan il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fis-9pm.
Kienu l-vittma stess li marret ma’ ħu r-raġel tagħha biex tirrapporta l-vjolenza fl-Għassa tar-Rabat.
Għalkemm il-każ seħħ il-Ħadd, ir-raġel refa’ jdejh fuq martu l-Ġimgħa meta wasal id-dar mix-xogħol u ma sabx ikel.
Fl-Għassa, il-mara marret b’uġigħ kbir u minn hemm ittieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u minn hemm ittieħdet minnufuh Mater Dei fejn il-kundizzjoni tagħha kienet waħda kritika.
Minkejja li l-kundizzjoni tagħha ġiet għall-aħjar, il-mara għadha rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Il-Qorti odnat ukoll biex isem l-akkużat ma jixxandarx biex ikunu protetti l-erbat itfal, fosthom tarbiha ta’ sitt xhur.