Jipprova jmexxi l-eroina fil-ħobż

Raġel ta’ 43 sena u li diġà qed jiskonta sentenza l-ħabs, inqabad u nstab ħati li kien qed imexxi d-droga f’Kordin. L-akkużat weħel 18-il xahar ħabs oħra wara li nqabad jagħti l-eroina lil ħabsi ieħor.

Il-każ seħħ fl-2007 meta l-akkużat mar fis-sala l-priniċipali tal-ħabs fejn iltaqa’ ma’ persuna oħra. Hu għaddielu biċċa ħobż filwaqt li qallu biex din il-biċċa xogħol ma tibdiex issir ta’ spiss. Wieħed mill-gwardjani tal-ħabs ra x’kien għaddej u xamm li xi ħaġa ma kinitx f’postha. Huwa ordna lir-raġel biex jagħtih il-ħobs fejn fih sab qratas tal-karti mimlija bi trab kannella. Aktar tard dan irriżulta li kien eroina.

Il-Qorti qalet li x-xhieda tal-gwardjan kienet konsistenti u li ġiet appoġġjata mill-Maġġur. Hija żiedet tgħid li ma kienx hemm dubju li ż-żewġ ħabsin kienu konxji li bil-ħosb kien hemm id-droga. L-akkużat kien ikkundannat għal 18-il xahar ħabs u mmultat €900, filwaqt li l-kompliċi kien ikkundannat 5 xhur ħabs.