Jipprova jitlaq minn Malta b’passaport falz; 6 xhur ħabs

Persuna li prova jitlaq minn Malta b’passport falz u ritratt ta’ xi ħaddieħor ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs.

Ir-raġel ta’ 25 sena mis-Sudan deher quddiem il-maġistrat Monica Vella fejn ġie akkużat li ħoloq, kellu fil-pussess u għamel użu minn dokument falz.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li l-akkużat wasal Malta bid-dgħajsa fl-2014. Ir-raġel kien applika għall-ażil. Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ fl-ajruport meta kien qed jipprova jitlaq lejn Napli fl-Italja b’dokument falz.

Adam Eldi Abubacer kien qal li xtara d-dokument għal €500 mingħand persuna li kien iltaqa magħha biss darba l-Marsa. Huwa sostna mal-Pulizija li ma kienx jiftakar l-isem ta’ din il-persuna.

Il-prosekuzzjoni argumentat li għalkemm wieħed jista’ jfittex ażil, il-persuna ma għandiex tagħmel użu minn dokumenti foloz.

L-avukat li deher għall-akkużat saħaq li r-raġel kellu kondotta nadifa u kien persuna bla skrupli li qarqet bih u ħaditlu €500.

Il-Qorti spjegat lir-raġel li huwa jista’ jingħata sentenza ta’ ħabs meta mistoqsi jikkonfermax il-ħtija, bir-raġel iżid li issa jifhem li dak li għamel kien ħażin.

Il-Qorti kkundannat ir-raġel għal sitt xhur ħabs, li huwa l-minimu li l-Qorti tista’ tagħti f’dan il-każ wara li kkunsidrat li r-raġel ammetta mill-ewwel u l-kondotta nadifa tar-raġel.