Jipprova jħallas għax-xirja b’żewġ nisa

Raġel ta’ 46 sena ġie akkużat li pprova jħallas għal xirja minn ħanut tal-merċa b’żewġ nisa u li wara seraq l-istess ħanut bl-użu ta’ arma tan-nar.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel minn Birżebbuġa daħal f’ħanut f’Santa Venera tliet darbiet fit-8 ta’ Diċembru. Hu qed jiġi akkużat li seraq, li kellu arma tan-nar bla liċenzja, u li huwa riċediv. Skont l-avukat tiegħu, ir-raġel għandu l-vizzju tad-droga. Hu wieġeb li mhux ħati.

Allegatament l-ewwel daħal fil-ħanut u pprova jixtri oġġetti b’valur ta’ €6 billi offra lis-sid tal-ħanut mara li qal li kienet martu għas-sess. Is-sid irrifjuta u qallu jitlaq mill-ħanut.

It-tieni darba, ħa mara differenti miegħu u pprova joffriha lis-sid għal flixkun tax-xorb. Sid il-ħanut reġa’ ma aċċettax. Aktar tard matul il-ġurnata, ir-raġel allegatament reġa’ mar fil-ħanut fejn wettaq serqa ta’ valur ta’ €500. Skont sid il-ħanut, il-ħalliel kellu oġġett iswed f’idejh. Skont il-Pulizija, l-akkużat kien qed jikkoopera magħha u li kkonferma d-dettalji kollha ħlief li kien armat meta wettaq is-serqa.

Il-każ ikompli.