Aġġornata (1): Żewġ żgħażagħ arrestati wara li ppruvaw jaħarqu mara u tifel

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq quddiem il-Qorti llum akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ mara u tifel ta’ 10 snin. Miegħu hemm persuna ta’ 21 sena akkużata b’kompliċità.
Ilbiraħtlula ż-żagħżugħ allegatament ipprova jqabbad il-karozza li fiha kien hemm il-mara, ta’ 28 sena, u t-tifel, billi beda jroxx il-fjuwil fuq il-karozza.
Skont rapporti mill-midja lokali, iż-żagħżugħ ġera wara l-mara u t-tifel xħin dawn ippruvaw jaħarbu minn ġol-karozza, iżda r-raġel ġera warajhom b’lighter u katina. Hu mifhum li xħin persuna daħlet biex tassisti lill-mara, l-aggressur telaq minn fuq il-post.
Dan l-inċident seħħ fi Triq Berebis, f’Ħaż-Żabbar.
Fil-Qorti nstema’ li l-mara tiġi oħt l-eks-maħbuba tal-aggressur, u ż-żewġ familji għandhom storja ta’ ġlied bejniethom, b’bosta rapporti fil-passat jaslu għand il-Pulizija minn familja għal oħra.
L-Avukat Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ żgħażagħ, iżda l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, iddeċidiet li jkun aħjar li jinżammu arrestati.