Jipprotestaw kontra l-karozzini taż-żwiemel

Nhar is-Sibt se ssir protesta kontra l-karozzini taż-żwiemel li joperaw fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Il-protesta mtella’ minn Animal Liberation Malta hija kontra l-abbuż fuq madwar 200 żiemel li xogħolhom huwa li jdawwru karozzin mimli b’massimu ta’ ħames persuni fix-xemx tiżreġ.

Fuq l-avveniment fuq Facebook, Animal Liberation Malta spjegat li dan ix-xogħol qed jaffettwa ħajjet dawn l-annimali b’mod negattiv filwaqt li joħloq problemi kbar tat-traffiku.

Semmiet b’mod partikolari każ li seħħ ilbieraħ meta żiemel intelaq minn tulu fl-art għax ma felaħx ikompli jimbotta karozzin bis-sħana fil-Pietà.

Dan ġab l-istmerrija ta’ bosta fuq il-mezzi soċjali wara li Jop Houtman Camara ra l-inċident u tella’ ritratt fuq Facebook. L-inċident reġa’ qajjem dibattitu etern dwar l-użu ta’ żwiemel biex imexxu l-karozzini fuq ix-xhur tas-sajf.

Barra minn hekk, Animal Liberation Malta rrimarkat kif dawn iż-żwiemel jitħallew ġranet twal jistennew fix-xemx f’postijiet bħall-Imdina, il-Belt Valletta, Buġibba u żoni oħra madwar Malta f’temperaturi ogħljin.