Jipproponu torri ieħor ta’ 16-il sular f’Tignè

Read in English.

Qed jiġi propost żvilupp ta’ torri residenzjali ieħor ta’ 16-il sular għal Tignè. Ħabbru dan l-iżviluppaturi tal-proġett, il-MIDI plc fl-artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-kumpanija ta’ Periti Ingliżi LOM.

Fuq is-sit kien spjegat li l-proġett ma jinkludix biss torri residenzjali iżda wkoll ħwienet ġodda mdawra b’ġonna kif ukoll pont li jgħaqqad iċ-ċentru kummerċjali ta’ Tignè mal-promenade u anke parkeġġ ta’ erba’ sulari taħt l-art.

Fl-artiklu ppubblikat dan ix-xahar, LOM jispjegaw kif it-torri li se jieħu spazju ta’ 13,200 metru kwadru qed ikun iddisinjat b’mod li ma jgħattix ħafna mill-veduti tal-Belt Valletta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIDI plc stqarr ma’ LOM li d-disinn magħżul hu ta’ kwalità ogħla u jirrispetta l-istorja u l-veduta tal-baħar. Huwa ħabbar ukoll li dan se jkun il-fażi finali tal-iżvilupp ta’ Tignè Point li nbidel minn art abbandunata għal djar moderni, spazji kummerċjali kif ukoll spazji miftuħa.

Il-kumpanija LOM ħabbret li fost l-oħrajn qegħda taħdem fuq dan il-proġett mal-kumpanija ta’ periti lokali CS Design.

Madanakollu, la l-MIDI għadha ma ħabbret dan l-iżvilupp fuq is-sit elettroniku tagħha, u lanqas l-Awtorità tal-Ippjanar ma ppubblikat id-dettalji ta’ dan l-iżvilupp.