Jipproponu pakkett ta’ €1 biljun biex ‘isalvaw lil Malta’

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) qed jipproponi għadd ta’ miżuri f’pakkett ta’ €1 biljun biex fi kliemhom isalvaw lil Malta.

Fi stqarrija, is-CSN qal li qed iniedi lista ta’ proposti biex jiġġieled “l-effetti drastiċi” tal l-pandemija tal-coronavirus fuq l-ekonomija dinjija.

“Dawn il-proposti ġew maħluqa bil-ħsieb li kull sfera tas-soċjetà jkollha l-għajnuna meħtieġa biex ma tegħriqx, filwaqt illi kull min jiflaħ jerfa’ biċċa mir-responsabbiltà sabiex nassiguraw l-għixien u s-saħħa nazzjonali għall-futur.”

X’inhuma l-proposti tas-CSN?

  1. Inċentivi għal-lukandieri biex joffru akkomodazzjoni irħas għall-ħaddiema tas-saħħa u tas-servizzi tas-sigurtà sakemm ikollhom bżonn joqgħodu ‘l bogħod minn darhom. Nirringrazzjawhom mill-qalb tas-servizz inkredibbli tagħhom.
  2. Il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ma jintbagħatux lid-djar u lill-kummerċi waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown, kif qiegħed isir pereżempju fi Franza.
  3. Twaqqif temporanju ta’ permessi tax-xogħol ġodda sabiex tingħata preferenza lil dawk il-ħaddiema ta’ kwalunkwe nazzjonalità illi tilfu xogħolhom minħabba l-virus.
  4. Kumpens għat-tkeċċija lill-impjegati li tilfu xogħolhom minħabba l-virus li jinvolvu somma flus kif ukoll allowance ta’ paga minima tul il-kriżi.
  5. Self tal-gvern mingħajr interessi garantit għall-intrapriżi għal tul ta’ żmien wara li jispiċċa l-lockdown, dipendenti fuq jekk inżammux l-impjegati kollha tat-tali negozju.
  6. Ħlasijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali (NI) għandhom jiġu rrinunzjati waqt il-perjodu ta’ kwarantina/lockdown.
  7. Moratorju fuq ħlasijiet ta’ ipoteki tul dawn it-tliet xhur.
  8. Protezzjoni mill-gvern ta’ salarji mħallsin tul dawn it-tliet xhur, fejn il-Gvern iħallas 75% ta’ kwalunkwe paga bil-kundizzjoni li kumpanija ma tkeċċix impjegati.
  9. Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għal sitt xhur bħala inċentiv ekonomiku.
  10. Tnaqqis fil-VAT fuq prodotti essenzjali li jinbiegħu fis-supermarkets.
  11. Il-faxex tat-taxxa għandhom ikunu rilaxxati għal min jaqla’ inqas minn €30,000 fis-sena għal żmien limitat.
  12. Pagamenti ttardjati fuq it-taxxa provviżorja u taxxa tad-dħul għal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
  13. Tnaqqis jew eżenzjoni fit-taxxa għal dawk li jnaqqsu l-kirjiet kummerċjali b’50% u/jew 75% għall-proprjetajiet domestiċi.
  14. Kumitat stabbilit bejn l-aktar entitajiet ekonomiċi, jiġifieri l-Gvern, l-Oppożizzjoni, it-Trade Unions, u impjegati kbar, biex jagħtu parir lill-Parlament Malti rigwart il-kriżi ekonomiku.

“Dawn il-proposti qegħdin jitniedu b’kuxjenza għad-Dipressjoni l-Kbira tal-1929 u aktar riċenti, il-kollass ekonomiku tal-2008/2009. Risposti mit-teoriji tradizzjonali ta’ ekonomija Keynesjana, fejn l-ekonomija titħalla ssewwi lilha nnifisha, wrew illi ma jaħdmux f’konfront ta’ kriżijiet ta’ dan id-daqs. Biex nipprevjenu kollass ekonomiku kbir issa, hemm bżonn ta’ intervenzjoni qawwija tal-Gvern, speċjalment Malta, li bdiet turi sinjali koroh dan l-aħħar.”

“Gvernijiet barranin qegħdin jagħrfu x’inhi s-sitwazzjoni, u qegħdin joffru madwar 10% tal-prodott gross domestiku (GDP) tagħhom biex jikkombattu s-sintomi ta’ ekonomija batuta minħabba l-effetti tal-COVID-19. Dawn il-proposti għandhom jiswew xi €1b, jiġifieri inqas minn 10% tal-GDP Malti. B’kuntrast, r-Renju Unit qiegħda tipproponi nefqa ta’ 20% tal-GDP, filwaqt li pajjiżi oħra bħal Franza qegħdin iwegħdu 10%.”

Is-CSN temm jgħid li jekk il-flejjes li qala’ l-Gvern mill-passaporti se jintefqu f’xi ħaġa, għandhom jiġu njettati fl-ekonomija Maltija biex tinżamm il-kunfidenza fis-sistema.

50% tal-paga għandu jħallasha l-Gvern – entitajiet ta’ min iħaddem

Intant erba’ entitajiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem appellaw lill-Gvern biex dan iħallas 50% tal-pagi tal-ħaddiema.

F’ittra li ntbgħatet lill-Prim Ministru il-Kamra għall-Kummerċ, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti qalu li 50% tal-paga bażika għandha titħallas mill-Gvern filwaqt li 25% titħalles minn min iħaddem.

Qed jipproponu wkoll li l-Gvern iħallas 75% tad-dħul bażiku tas-self-employed.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn