Jipproponu liż-Żebbuġin jirriċiklaw il-ħwejjeġ

Alternattiva Demokratika qed tipproponi lir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ biex iwaqqfu free cycle shop, fejn in-nies ikunu jistgħu jpoġġu ħwejjeġ li għadhom tajbin biex jittieħdu min-nies oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-ċerpersin tal-AD, il-Prof. Arnold Cassola qal li sakemm jitwaqqaf dan l-ispazju, għandha ssir attività li fiha jitlaqqgħu r-residenti biex ipartu l-ħwejjeġ.
Sostna li għandu jkun hemm sensiela ta’ sessjonijiet informattivi dwar tnaqqis ta’ skart.
Prof. Cassola saħaq li hemm ħtieġa ta’ pjan lokali għall-immaniġġjar tal-iskart ibbażat fuq il-pjan nazzjonali bil-mira li sal-2050, is-soċjetà ma tiġġenerax skart.
Min-naħa tagħha, il-kandidata ta’ AD għall-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ Monique Agius qalet li r-residenti Żebbuġin huma mdejqin bit-telqa fir-raħal għax bosta toroq għadhom mimlijin ħofor.
Fi dritt għar-risposta, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ qal li f’din il-leġiżlatura saru 17-il triq ġdida, filwaqt li sar xogħol ta’ patching jew xogħol ieħor fit-toroq.