Jipproponu liġi ġdida tal-UE jisimha “Daphne’s Law”

Il-Proġett dwar ir-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) ippropona li titwaqqaf kummissjoni Ewropea speċjali li tgħasses l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ ġurnalisti fil-pajjiżi tal-Unjoni, u din il-liġi laqqmuha “Il-Liġi ta’ Daphne”.
Huma kienu qed jirreferu għall-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija, l-editur ta’ dal-proġett, Drew Sullivan, tkellem fit-tul dwar il-qtil tal-ġurnalisti, speċjalment dak riċenti fis-Slovakkja tal-ġurnalist Jan Kuciak.
Kuciak kien kollega tal-editur, meta dan tal-ewwel kien qed jaħdem fuq storja li turi persuni mill-mafja Taljana bl-isem ta’ ‘Ndrangheta kienu infiltraw il-pajjiż billi għaddew mas-€70 miljun f’sussidji lis-settur tal-agrikoltura minħabba r-rabtiet li għandhom ma’ politiċi fil-Gvern Slovakk.
Aktar kmieni dil-ġimgħa l-Kummissarju tal-UE għas-Sigurtà, Julian King, talab għal leġiżlazzjoni ġdida biex jiġu protetti l-ġurnalisti.
Filwaqt li wera xettiċiżmu għal kif tista’ tilleġiżla dwar is-sigurtà, Sullivan staqsa kif saru jafu l-qattiela ta’ Kuciak dwar dak li kien qed jaħdem dwaru.
Irrimarka li barra Kuciak, hu u xi tnejn oħra ma kinux jafu, ħlief imbagħad l-awtoritajiet li Kuciak kellu jistaqsihom għall-informazzjoni.
Qal li preżentament m’hemm ebda liġi li tipproteġi l-identità ta’ min jitlob l-informazzjoni lill-awtortajiet, u ebda liġijiet li jissanzjonaw dawk il-persuni li jagħtu l-informazzjoni lil ħaddieħor.
Enfasizza wkoll li l-gvernijiet b’aktar trasparaenza jiffrankaw ix=-xogħol lill-ġurnalisti, li ma jkollhomx għalfejn ifittxu u jidhru li qed jivadu lil ħaddieħor.
Studji juru li flwaqt li 70% tal-ġurnalisti jinqatlu minħabba dak li kitbu, 10% biss tal-qattiela jinqabdu.
L-editur jiddeskrivi lill-gvernijiet f’Malta u l-Islovakkja bħala “populisti” li ma jirnexxilhomx jissalvagwardjaw il-valuri tad-demokrazija, u għalhekk jattakkaw lill-ġurnalisti.
L-istqarrija ttemm tirreferi għal “Daphne’s Law”, u tfakkar li mingħajr grupp professjonali ta’ esperti li jikkonsultaw mal-Pulizija dwar dal-każijiet, aktar ġurnalisti se jinqatlu.
Fir-ritratt: Daphne Caruana Galizia (xellug) u Jan Kuciak (lemin)