Jipproponu li tonqos id-distanza tal-imwejjed fir-ristoranti

Miguela Xuereb

Read in English.

F’laqgħa li rappreżentanti tal-industrija tal-catering kellhom mal-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu f’Kastilja huma ħeġġew lill-Gvern biex jemenda l-protokoll tas-saħħa pubblika biex ikunu jistgħu iressqu l-imwejjed iktar viċin xulxin.

Waqt li pproponew li l-vouchers għandhom jinżammu għaż-żmien tal-Milied, ir-rappreżentanti spjegaw li l-pandemija ġġib sfidi ġodda bħalma huwa l-Outdoor Dining peress li fix-xitwa tkun iktar diffiċli li r-ristoranti jospitaw lill-konsumaturi barra.

Ir-rappreżentanti pproponew li l-vouchers jerġgħu jidħlu għaż-żmien tal-Milied għaliex jaħsbu li minkejja l-pandemija, il-familji jistgħu xorta waħda jagħmlu l-festeġjamenti tas-soltu barra. Qalu li kif inhu magħruf għadd ta’ ristoranti m’għandhomx biżżejjed spazju ġewwa li fih jistgħu jospitaw lin-nies. Ħeġġew lill-Gvern li minħabba f’hekk għandha tonqos id-distanza bejn mejda u oħra biex ir-ristoranti jkunu jistgħu jospitaw aktar nies.

60% tal-bejgħ tar-ristoranti kien mill-vouchers

Fil-laqgħa huma tkellmu wkoll dwar stħarriġ li sar u qalu li l-vouchers kienu ta’ benefiċċju għalihom tant li 60% tal-bejgħ kien ġej minnhom. Huma ssuġġerew ukoll li l-Gvern immedjatament jerġa’ jdaħħal miżuri simili għaż-żmien tal-Milied.

Ir-rappreżentanti tal-industrija tal-catering faħħru l-inizjattiva tal-Wage Supplement li permezz tagħha l-Gvern qed jgħin lil min iħaddem billi jħallas parti sostanzjali mis-salarju tal-ħaddiema. Huma inkoraġixxew lill-Gvern biex din l-inizjattiva tiġi estiża b’tibdiliet żgħar.

Dwar il-vouchers huma qalu li skont stħarriġ li għamlu jindika li 60% tal-bejgħ mir-ristoranti kien ġej minn din l-inizjattiva. Spjegaw li l-konsumaturi kienu qed iħossuhom siguri li jmorru f’ristorant bis-saħħa tal-protokolli li daħlu fis-seħħ. Qalu li l-inċertezza hija relatata mal-istatus ekonomiku u finanzjarju.

Inċentiva oħra li kienet proposta lill-Gvern hija dik li min jikri jirċievi benefiċċji biex il-kirjiet jorħsu almenu b’50%.

DOI – Pierre Sammut

“L-iskop hu li nsalvaw l-impjiegi” – il-PM

Dwar dawn il-proposti, il-Prim Ministru qal li kienu ideat tajbin li flimkien ma’ oħrajn minn diversi stakeholders qed ikomplu jgħinu lill-Gvern jifforma l-baġit għas-sena li ġejja.

Stqarr li l-iskop primarju hu li jiġu salvati l-impjiegi fejn semma wkoll li l-qgħad f’Malta niżel b’0.4% u fiż-żona Ewro tiela b’0.3%. Qal ukoll li l-inċentivi bħal dawk fil-kontijiet tad-dawl u l-kera ħadmu u għenu lis-sidien tal-ħwienet kollha.

Il-laqgħa f’Kastilja saret parti minn serje ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li l-Gvern qed jagħmel bi tħejjija għall-baġit bil-ġurnalisti kienu mistiedna jattendu għall-ewwel ftit minuti tal-laqgħa. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

Taqbel li għandha tonqos id-distanza bejn l-imwejjed?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt