Jipproponu li ma jsirux iktar garaxxijiet taħt l-art; jitpatta b’sular ogħla

Il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà qed tipproponi lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tagħtix iktar permessi ta’ garaxxijiet taħt il-livell tat-triq minħabba nuqqas ta’ sigurtà.

Din kienet biss waħda mill-proposti tal-Federazzjoni, li insistiet li l-iskavar għandu jieqaf immedjatament, bil-għan li jieqaf jaqa’ l-bini u jitpoġġew fil-periklu l-ħajjiet tal-ġirien.

Fi stqarrija, il-Federazzjoni qalet li ilha taħdem fuq numru ta’ proposti għal iktar minn sena.

Dwar il-garaxxijiet taħt l-art spjegat li:

  • għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat jekk jagħmilx sens li dawn isiru f’siti li huma 21 pied wiesa’ jew qrib bini ieħor.
  • l-iskavar kollu li għadu ma bediex jew li għadu kif beda jieqaf immedjatament
  • jingħataw permessi biss għal garaxxijiet fil-livell tat-triq.
  • il-permessi kollha għandhom jingħataw sular addizzjonali biex jikkumpensa għall-maisonette fil-livell tat-triq li jiġi sostitut b’garaxx.

Il-Federazzjoni saħqet li fit-tiġrif ta’ bini ieħor jista’ jkun hemm għadd ta’ residenti preżenti.

Wara li dalgħodu waqa’ ħajt ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa, f’nofsinhar il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ konferenza li għaliha kien hemm preżenti listakeholders tas-settur tal-kostruzzjoni. Huwa ħabbar li b’effett immedjat il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi b’mod temporanju.

Filmat: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

AQRA: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa