Read in English.
Konsultazzjoni Pubblika mnedija llum mill-Ministeru għat-Trasport qed tipproponi fost l-oħrajn li dawk kollha li jixtiequ jsuqu e-kickscooter iridu jkollhom liċenzja tas-sewqan f’waħda minn dawn il-kategoriji: A (mutur), B (karozza), AM (mutur li jwassal sa veloċità massima ta’ 45 kilometru fis-siegħa).
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg tkellem dwar l-importanza li wieħed jippromwovi “l-intermodalità u l-użu ta’ mezzi alternattivi u sostenibbli fuq in-network tat-toroq”. Qal li għalhekk qed jipprova jintlaħaq bilanċ li jpoġġi l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà ta’ dawk li jużaw dan il-mezz ta’ trasport u b’hekk inħass il-bżonn li jiġi regolat.
X’inhuma wħud mill-ispunti ewlenin li joħorġu mill-konsultazzjoni pubblika?
- L-e-kickscooters, kemm jekk jagħmlu parti minn xi servizz jew jintużaw minn persuni privati, irid ikollhom assigurazzjoni u jkunu reġistrati u liċenzjati minn Transport Malta. Transport Malta se toħroġ numru ta’ identifikazzjoni f’forma ta’ sticker ta’ reġistrazzjoni li titwaħħal mal-iscooter.
- Wieħed irid iħallas miżata ta’ reġistrazzjoni ta’ darba ta’ €11.65 u liċenzja annwali ta’ €25.
- L-iscooters se jkunu jistgħu jinstaqu biss minn persuni li għandhom liċenzja.
- L-iscooters kollha jrid ikollhom bozza quddiem u oħra wara.
- Wieħed jista’ jsuqhom b’veloċità massima ta’ 10 kilometri fis-siegħa fuq bankini u b’20 kilometru fis-siegħa f’toroq oħrajn. Jekk isuqu b’veloċità akbar jeħlu multa.
- Kull min isuq scooter bil-lejl irid jilbes sidrija ta’ viżibilità għolja.
- Rakommandat li jintlibsu helmets.
- Wieħed ma jistax jgħaddi minn tunnel bl-iscooters.
- Parkeġġ tal-iscooters jista’ jsir f’żoni restritti identifikati minn Transport Malta.
- persuni li jixtiequ joperaw kummerċ ta’ scooter sharing iridu jġibu liċenzja għal dan minn Transport Malta.
“Risposta skorretta għal mod ġdid ta’ trasport” – AD
L-Alternattiva Demokratika qalet li l-mod kif il-Ministru Borg qed iħares lejn dan il-mod ġdid ta’ vvjaġġar huwa skorrett. Filwaqt li l-partit qal li jifhem li regoli dwar il-veloċità li bihom jinstaqu dawn l-iscooters huma aċċettabbli, ir-reġistrazzjoni u l-assigurazzjoni, kif ukoll il-bżonn li wieħed ikollu liċenzja huma talbiet redikoli.
Aqra l-konsultazzjoni pubblika sħiħa minn hawn.