Jipproponu li art ODZ iddestinata għall-iżvilupp terġa’ lura għal li kienet

Nature Trust – FEE Malta qed tipproponi li art ODZ jew verġni, iddestinata biex fuqha jsir l-iżvulupp, terġa’ lura għal li kienet, jiġifieri żoni kklasifikati bħala ODZ.
Fi stqarrija, Nature Trust uriet it-tħassib tagħha għal mod kif żoni barra mill-iżvilupp (ODZ) qed ikunu mhedda b’dawk li sejħitilhom bħala “lakuni fil-liġi.”
L-NGO ħeġġet lill-Ministeru għall-Ambjent u anke s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Awtorità għall-Ippjanar biex jieħu azzjoni “attiva u immedjata,” biex dawn iż-żoni ma jibqgħux jinqerdu.
Apparti minn hekk, l-NGO talbet lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Obudsman biex isemma’ leħnu konta dan l-iżvilupp mhux sostenibbli.
Nature Trust għamlet referenza għal żewġ permessi maħruġa l-Ħamis li għadda għal bini ta’ popma tal-petrol u dar tal-anzjani fuq art ODZ. Fl-istqarrija, l-NGO qalet li din l-art ġiet issagrifikata għal €100,000 dħul mill-ippjanar.
“Dan l-iżvilupp qiegħed iċaħħad b’mod permanenti lill-uliedna u lill-ġenerazzjonijet li ġejjin minn spazji miftuħa,” saħqet l-NGO.
Nature Trust appellat ukoll lill-pubbliku biex jitkellem konta applikazzjoni oħra biex tinbena dar għall-anzjani 150 metru biss ‘il bogħod minn dar oħra għall-anzjani fin-Naxxar, li ġiet approvata u li tieħu waħedha 2,000 metru kwadru.