Jipproponu biex żoni fil-baħar jiġu protetti mis-sajd

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u d-Dipartiment  tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta qed jipproponu li jitwaqqfu u jiġu implimnetati żoni protetti fil-baħar sabiex jiġu protetti l-ambjenti naturali fejn il-ħut jinġabar biex irabbi l-frieħ tiegħu. Dan bil-għan li jitnaqqsu l-qabdiet tal-ħut li għadu qed jikber.
Iż-żewġ Dipartimenti ngħaqdu fuq proġett ta’ riċerka internazzjonali, Network għal Żoni Protetti tal-Baħar għal Sajd Sostenibbli fiż-Żona Ċentrali tal-Mediterran (Mantis). L-għan tal-proġett hu li jipproteġi l-ambjent naturali li huma kritiċi għal speċi kummerċjali u jidentifika miżuri biex inaqqas impatti avversi tas-sajd f’żoni fejn ħut li għadu qed jikber jinġabar.
Fi stqarrija, id-Dipartimenti qalu li r-restizzjoni tas-sajd f’żoni fejn jinġabru l-ħut biex irabbu l-frieħ tassigura li l-ambjenti naturali, li huma bżonnjużi għall-ispeċi biex ikomplu ċ-ċiklu tal-ħajja, huma protetti, li l-ammont ta’ ħut individwali żgħar li jinqabdu jonqsu, u li aktar ħut u gambli jgħixu biex jirriproduċu.
Saħqu li biex tiżdied il-produttività tal-ispeċi maqbuda, il-ħtieġa prinċipali hija bidla tad-daqs tal-ewwel qabda għal daqsijiet akbar. Spjegaw li jirrikonoxxu li mhux dejjem possibbli li jitkabbru l-qisien tal-ħoloq tax-xbieki użati mis-sajjieda biex jiġi evitat il-qbid ta’ ħut li għadhom qed jikbru ta’ ċerti speċi kummerċjali ta’ daqs żgħir li huma ta’ valur, bħall-Gamblu Aħmar prezzjuż u l-Gamblu Abjad tal-ilma fond u l-Langostini.
Il-proġett MANTIS huwa ffinanzjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd tal-Kummissjoni Ewropea u kkordinat mill-Kunsil Nazzjonali Taljan għar-Riċerka.