Jipproponilha waqt l-attakki ta’ Pariġi

Kif wieħed jista’ jimmaġina, mhux ftit inkwetaw il-ġenituri ta’ koppja żagħżugħa meta ftit wara li semgħu bl-attakki ta’ Pariġi, ħadd miż-żgħażagħ ma kien qed iwieġeb il-mowbajl!
Hekk ġralhom il-ġenituri tal-koppja Irlandiża Grace Burrows u Daniel Duggan, li waqt li kienu qed iseħħu l-attakki ta’ Pariġi, it-tnejn li huma, li dak il-ħin kienu fuq vaganza f’Pariġi, spiċċatilhom il-batterija tal-mowbajl u minħabba f’hekk ma setgħux iwieġbu t-telefonati tal-ġenituri tagħhom.
Meta l-ġenituri tagħhom raw li ħadd minnhom mhu qed iwieġeb, dlonk ikkuntattjaw lill-ambaxxata Irlandiża biex jirrappurtaw li wliedhom huma niqsin.
Iżda mur għidilhom li dak il-ħin Grace u Daniel kienu qed jiċċelebraw wieħed mill-isbaħ mumenti ta’ ħajjithom, hekk kif Daniel kien għadu kif ippropona lil Grace għaż-żwieġ!
U dan, ovvjament, mingħajr ma kienu jafu x’inhu għaddej ftit kilometri ‘l bogħod minnhom. Fil-fatt, ma kienx qabel ma marru jixorbu tazza xampanja f’restorant biex jiċċelebraw li ma sarux jafu b’li ġara mid-diskors tan-nies l-oħra li kienu fir-restorant!