Jipproponi lit-tfajla billi jikteb “Trid tiżżewwiġni?” fuq il-qamar

“Trid tiżżewwiġni?” – Astronomu Kanadiż għażel li jipproponi lit-tfajla tiegħu mhux billi jtiha xi bukkett fjuri jew fuq mejda ta’ restorant, imma billi kitbilha l-mistoqsija fuq il-qamar.

David Osario li għandu 27 sena minn dejjem xtaq li lit-tfajla tiegħu Saydi Rodriguez jagħtiha l-qamar u l-istilel bħala rigali. 

Imma peress li dan mhux possibbli, iddeċieda li fuq biċċa karta jikteb il-famuża mistoqsija u waħħalha mal-lenti tat-teleskopju.

Wara ikla romantika f’restorant f’Toronto l-Kanada, il-koppja marret fid-David Dunlap Observatory biex ikunu jistgħu jaraw sew is-sema.

Meta Saydi ħarset fit-teleskopju, sabet sorpriża.  Fuq il-qamar kien hemm miktub “Trid tiżżewwiġni?”.

Meta daret fuq l-għarus tagħha, sabitu għarkopptejh mal-art, b’ċurkett f’idejh. Kif kien mistenni, it-tweġiba tagħha kienet iva.

David ried jikteb il-frażi fuq karta ta’ 8 millimetri u peress li jaħdem bħala inġinier, ma kellux problema jsib printer li kapaċi jipprintja ċar f’dak iċ-ċokon.

L-għarus mexa mat-tradizzjoni.  Qabel ma ppropona lit-tfajla, mar jitlob il-permess lil ġenituri tagħha, li ovvjament aċċettaw huma wkoll.

David u Saydi ilhom joħorġu flimkien għal dawn l-aħħar sitt snin u mistennija jiżżewġu s-sena d-dieħla.