Jipproponi li l-Musulmani ma jitħallewx jidħlu fl-Istati Uniti

Fl-Istati Uniti, il-kandidat għall-Presidenza Amerikana f’isem ir-Repubblikani, Donald Trump, qal li għandu jkun hemm projbizzjoni fuq il-Musulmani li jippruvaw jidħlu fl-Istati Uniti.
Wara l-attakki f’San Bernardino f’Kalifornja li ħallew 14-il persuna mejta, Trump qal li “Din il-projbizzjoni totali għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm l-awtoritajiet Amerikani jkunu jistgħu jifhmu l-attitudnijiet għall-Istati Uniti tal-Musulmani.”
Minkejja dan, fi stqarrija l-White House qalet li l-kummenti ta’ Trump imorru kontra l-valuri tal-Istati Uniti u kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.
Bħalissa fl-Istati Uniti, ir-Repubblikani għaddejjin mill-fażi li jagħżlu l-kandidati finali tagħhom li mbagħad se jikkontestaw kontra d-Demokratiċi għall-kariga ta’ President tal-Istati Uniti.
Donald Trump, biljunarju minn New York, qed jipproponi wkoll li jinbena ħajt fil-fruntieri tal-Istati Uniti mal-Messiku u li immigranti li jgħixu illegalment fl-Istati Uniti jkunu deportati.