Jipprintjaw maskri tal-wiċċ bi 3D printers tal-iskejjel

Kumpanija lokali qed tipprintja maskri tal-wiċċ permezz ta’ 3D Printers.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar li l-Gvern qed jgħin lil kumpanija privata biex tipproduċi maskri tal-wiċċ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Dan permezz li nġabru għadd ta’ 3D Printers mill-iskejjel madwar Malta u tpoġġew fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar minn fejn qed jiġu pprintjati l-maskri.

Fuq Facebook, il-Ministru Bonnici rringrazzja lil David Sciberras u l-kumpanija tiegħu Invent 3D qed jipproduċu bejn 200 u 300 maskri kuljum bis-saħħa tat-3D printers.

Min-naħa tagħhom Invent 3D qalu li permezz tal-printers tal-iskejjel huma se jkunu jistgħu jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Din il-produzzjoni qed issir b’mod volontarju biex jitwasslu maskri tal-wiċċ fl-isptar Mater Dei.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn