“Jippreferu jikru lill-barranin milli lilna” – studenti Għawdxin

F’laqgħa organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), l-istudenti Għawdxin urew id-dispjaċir tagħhom bis-sitwazzjoni diffiċli li jsibu ruħhom fiha biex jikru appartament f’Malta, u qalu li ħafna drabi, is-sidien jippreferu li jikru lill-barranin milli lilhom, għax dawn ikunu jistgħu jħallsu aktar.

L-istudenti qalu li żieda fis-sussidju li għandhom ta’ €500 għal 3 xhur mhix għażla valida, għaliex aktar ma jogħla dan is-sussidju, aktar is-sidien jgħollu l-kera għall-istudenti. Madankollu, xorta jista’ jogħla s-sussidju għal dawk li verament għandhom bżonnu.

Ikkummentaw li ħafna drabi, l-istudenti jibqgħu jikru l-appartament fis-sajf, minkejja li ma jkollhomx bżonnu, biex jevitaw l-istress biex ifittxu appartament ġdid għal sena skolastika ġdida.

Din id-diffikultà wasslet biex il-Knisja tgħid li se tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin. Fil-laqgħa tal-bieraħ, l-istudenti ressqu numru ta’ mistoqsijiet li għandhom dwar dawn il-hostels, fosthom kemm se joqogħdu nies fihom, dwar il-faċilitajiet offruti fil-hostels, kif ukoll dwar jekk iridux ikunu Kattoliċi biex joqogħdu ġol-hostels. Żiedu wkoll li d-dħul tal-ġenituri tal-istudenti għandu jkun kriterju ewlieni fl-għażla tal-istudenti li joqogħdu fil-hostels, u jixtiequ li jkun hemm rappreżentant mill-GUG (Gozo University Group) fuq il-bord amministrattiv.

Bħala alternattivi għall-hostels, l-istudenti Għawdxin issuġġerew li l-istudenti jsegwu l-lekċers minn Għawdex permezz ta’ video conferencing, jew li titjieb is-sistema tat-trasport miċ-Ċirkewwa għall-Imsida, li jingħataw vawċers tal-ikel jew li jikru barra mill-Imsida, possibbilment f’Ħal Lija.

L-istudenti qalu li l-Gvern għandu jintervjeni f’din il-kwistjoni.