Jinżel ajruplan wara li jmut passiġġier abbord

Titjira li kienet fi triqitha lejn Pariġi fi Franza mill-Madagascar, dalgħodu kellha tinżel Malta għall-ħabta tat-7.45am minħabba li abbord kien miet wieħed mill-passiġġieri. Waqt it-titjira fuq l-ajruplan tal-linja tal-ajru Air Madagascar, raġel Franċiż ta’ 66 sena intilef minn sensih wara li beda jħoss uġigħ f’sidru. Martu, li kienet qed takkumpanjah fil-vjaġġ, talbet għall-għajnuna tal-membri tal-ekwipaġġ.

Tabib li kien abbord ta l-ewwel għajnuna iżda l-passiġġier miet meta t-titjira kienet waslet qrib Malta. Wara talba lill-Awtoritajiet Maltin sabiex jagħmel inżul f’Malta, l-bdot niżżel l-ajruplan. Fuq ordni tal-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia, l-kadavru tniżżel minn fuq l-ajruplan u ttieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei.