Jinżammu l-ħabs mal-irġiel; jingħataw €35,000 f’kumpens

Seba’ priġunieri transġeneru fil-ħabs ta’ Kordin ingħataw €5,000 kull wieħed, jiġifieri total ta’ €35,000 f’kumpens talli ġew trattati ħażin u diskriminati, billi nżammu fit-taqsima tal-ħabs għall-irġiel minkejja li kienu qed jgħixu bħala nisa.
Il-priġunieri fetħu kawża lid-Direttur tal-Ħabs talli tratthom bħala rġiel abbażi tal-karta tal-identità tagħhom.
Fil-Qorti spjegaw li minkejja li l-karta tal-identità tagħhom kienet tgħid li huma rġiel u li anke l-ismijiet tagħhom kienu jidhru ta’ rġiel, huma kienu jħossuhom nisa internament u anke fl-apparenza. 
Fl-istess perjodu, xi wħud minnhom inbidlitilhom il-karta tal-identità biex tiġi tidher li huma nisa, oħrajn kienu għadhom qed jistennew it-talba tagħhom tiġi pproċessata. Madanakollu s-sitwazzjoni ma nbidlitx, anke wara t-tibdil fil-karta tal-identità.
Wara li l-Att tal-Ugwaljanza tal-Ġeneri ġie approvat fl-2015, ħamsa mill-priġunieri ngħataw l-għażla li jitmexxew għas-sezzjoni tan-nisa fil-ħabs. Madanakollu, din l-għażla kienet se ġġielhom jitilqu mill-impjieg u l-attivitajiet edukattivi fil-ħabs, xi ħaġa li ma xtaqux jagħmlu hekk kif jekk tifqilhom il-paga ma kienux ikunu jistgħu ikomplu t-trattamenti tal-ormoni.
Il-priġunieri spjegaw li kellhom jibqgħu f’din is-sezzjoni tal-ħabs fejn il-priġunieri l-irġiel kienu jinsulentawhom b’mod vulgari, kif ukoll sfaw vittmi ta’ fastiju sesswali u vjolenza.
Spjegaw li biex ma jinħaslux mal-irġiel l-oħra kienu jifthemu li jagħmlu dan aktar tard, waqt li xi ħadd minnhom jieħu ħsieb li ħadd ma jidħol. Għaldaqstant qalu li ġieli għamlu ġranet mingħajr ma jkunu jistgħu jinħaslu.
Min-naħa tiegħu, id-direttur sostna li hu kien ta l-opportunità lil xi wħud minnhom biex jiċċaqalqu għas-sezzjoni tan-nisa iżda kienu huma li ma aċċettawx.
Irrimarka li dawk li baqgħu fis-sezzjoni tal-irġiel, qed jgħixu f’ċelel għalihom u li ngħataw l-opportunità li jinħaslu kmieni waranofsinhar meta l-irġiel l-oħra jkunu fiċ-ċella.
Il-Qorti sostniet li huma kienu ilhom jgħixu fil-ħabs għal bosta snin, u sofrew umiljazzjoni kbira kawża tal-proċeduri tal-ħabs. 
Irrimarkat li dawk li għażlu li jmorru fis-sezzjoni tan-nisa sabu li tpoġġew f’ċelel li kienu qed jintużaw bħala kmamar tal-imbarazz u ngħataw saqqijiet imtebba’ bid-demm.
Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li d-direttur għandu jħallas €4,000 f’kumpens monetarju u €1,000 minħabba ksur ta’ dinjità lill-priġunieri kollha.