Jinżammu arrestati wara li qabdu nar f’appartament f’Buġibba

It-tnejn wieġbu mhux ħatja

Read in English.

Żewġ irġiel inżammu arrestati wara li ġew akkużati li qabdu nar f’appartament f’Buġibba.

Tuneżin ta’ 33 sena u Libjan ta’ 24 sena, it-tnejn joqogħdu s-Swieqi, wieġbu li mhumiex ħatja li nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-8 am qabdu nar f’appartament fi Triq l-Isponoż. It-Tuneżin huwa wkoll reċediv wara li kien ġie wkoll akkużat bi ġlieda bi skieken f’Paceville f’Mejju tal-2016.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Mercieca qalet li l-akkużati nqabdu jidħlu u joħorġu mill-bini mill-kameras tas-sigurtà. Wieħed mill-avukati difensuri Franco Debono lmenta li minkejja li l-irġiel inqabdu deħlin u ħerġin, m’hemm l-ebda evidenza ta’ x’ġara ġewwa. Il-Qorti, permezz tal-Maġistrat Ian Farrugia, ċaħdet it-talba għal-libertà tal-akkużati.